About L-għoti ta’ VET u kwalifiki

Is-Cedefop jiġbor u jqabbel id-data mill-Ewropa u lil hinn minnha biex jappoġġa l-iżvilupp ta’ sistemi u istituzzjonijiet ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET), li jirrispondu għad-domandi għall-ħiliet tas-suq tax-xogħol u tas-soċjetà. Il-ħidma tiegħu tgħin biex jittejjeb l-għoti ta’ ħiliet u kompetenzi rilevanti u ta’ kwalità għolja għall-istudenti ta’ kull età u fi stadji differenti tal-karrieri u tal-ħajja tagħhom. Serje ta’ linji ta’ ħidma tematiċi juru kif din il-ħidma qed titmexxa ’l quddiem.

Il-ħidma tagħna dwar il-futur tal-VET fl-Ewropa tippermetti fehim aħjar tal-isfidi ġenerali li qed jiffaċċjaw il-VET Ewropej u kif dawn ivarjaw bejn il-pajjiżi. Minbarra l-monitoraġġ tal-mod kif jinbidlu l-istituzzjonijiet u l-istrutturi tal-VET, il-ħidma f’dan il-qasam qed tiffoka dejjem aktar fuq il-bidliet fil-kontenut tal-VET, pereżempju kif l-aħjar jiġu kkombinati ħiliet speċifiċi għall-professjoni ma’ ħiliet trasversali u kompetenzi ewlenin. In-natura li qed tinbidel tal-kwalifiki u tal-kredenzjali, inkluż interess dejjem akbar fil-validazzjoni u fil-mikrokredenzjali, tinfluwenza direttament il-valur tal-ħiliet u tal-kompetenzi tal-VET u l-kapaċità tal-individwi li jagħmlu progress kemm fit-tagħlim kif ukoll fix-xogħol. L-attenzjoni hija ffukata fuq ir-rwol ta’ oqsfa nazzjonali tal-kwalifiki komprensivi għat-titjib tat-trasparenza, tar-rikonoxximent, u tal-permeabilità tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll fl-iffaċilitar tal-progress individwali fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fit-tagħlim tul il-ħajja. Din il-ħidma tirrifletti direttament l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-għodod u l-prinċipji tal-UE għat-trasparenza u r-rikonoxximent tal-kwalifiki, b’mod partikolari l-qafas Ewropew tal-kwalifiki (QEK).

L-għoti tal-VET huwa influwenzat mill-użu ta’ eżiti tat-tagħlim – dikjarazzjonijiet li jiddefinixxu l-kontenut u l-profil ta’ dak li student huwa mistenni li jkun jaf, li jkun jista’ jagħmel, u li jifhem. L-eżiti tat-tagħlim jaġixxu bħala lingwa komuni fir-rigward tal-kontenut u l-profil tal-programmi u l-kwalifiki tal-VET li jippermettu djalogu fost il-partijiet ikkonċernati fis-suq tax-xogħol u fl-edukazzjoni u t-taħriġ kif ukoll fis-soċjetà inġenerali. Abbażi ta’ analiżi tal-punti pożittivi u l-limitazzjonijiet ta’ dan l-approċċ, is-Cedefop jiżviluppa għodod ta’ gwida u ta’ appoġġ għall-iżvilupp tal-kurrikulu, il-metodi ta’ tagħlim u t-tfassil u l-applikazzjoni tal-valutazzjoni u l-validazzjoni.