About Il-VET u l-kwalifiki bejn il-fruntieri

L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET), li tradizzjonalment joperaw f’kuntest nazzjonali, qed jiżviluppaw dejjem aktar b’reazzjoni għar-rekwiżiti Ewropej u dawk globali. Ingħatat prijorità lill-iżvilupp u lill-implimentazzjoni tal-oqfsa tal-kwalifiki fil-livell nazzjonali, Ewropewu dak internazzjonali, li jwasslu għal kooperazzjoni aktar b’saħħitha fost il-pajjiżi u r-reġjuni. Il-kwalifiki jistgħu jingħataw ukoll minn korpi u organizzazzjonijiet internazzjonali, li jirriflettu l-internazzjonalizzazzjoni tat-teknoloġiji u tas-swieq tax-xogħol. Is-Cedefop u l-ETF jikkollaboraw mal-UNESCO u mal-Istitut tal-UNESCO għat-tagħlim tul il-ħajja biex jimmonitorjaw l-iżviluppi tal-qafas nazzjonali globali tal-kwalifiki (NQF) u tal-RQF.

Mill-istadji bikrija tal-iżvilupp tiegħu, is-Cedefop appoġġa l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-għodod u l-prinċipji tal-UE għat-trasparenza u r-rikonoxximent tal-kwalifiki, filwaqt li ppromwova l-kooperazzjoni fost is-sistemi nazzjonali tal-VET u l-mobbiltà tal-istudenti u tal-kandidati. B’mod partikolari, is-Cedefop jappoġġa l-implimentazzjoni tal-qafas Ewropew tal-kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja, kif ukoll l-iżviluppi fil-qasam tal-validazzjoni tal-apprendiment mhux formali u informali; huwa jappoġġa wkoll il-ħidma dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità tal-VET f’konformità mal-qafas ta’ referenza Ewropew għall-assigurazzjoni tal-kwalità għall-VET (EQAVET), u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-VET. Abbażi tal-isfidi ffaċċjati fl-implimentazzjoni tas-sistema Ewropea ta’ krediti għall-VET (ECVET), is-Cedefop jagħti importanza speċjali lill-ħidma li tappoġġa t-trasferiment tat-tagħlim bejn il-fruntieri istituzzjonali, settorjali u nazzjonali. L-għodod u l-prinċipji tal-UE huma mfassla biex jgħinu lin-nies jimxu ’l quddiem permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ fi kwalunkwe età, ibiddlu l-karrieri jew imorru jgħixu barra minn pajjiżhom għal xogħol jew għal edukazzjoni ulterjuri; it-tisħiħ tas-sinerġija u l-koerenza tagħhom huwa prijorità għolja għas-Cedefop. Dan isir billi fil-livell nazzjonali u dak Ewropew jiġi promoss l-użu tal-prinċipju tal-eżiti tat-tagħlim, li jgħaqqad il-biċċa l-kbira ta’ dawn l-għodod.

Is-Cedefop jikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-ESCO (it-terminoloġija Ewropea dwar il-ħiliet, il-kompetenzi, il-kwalifiki u l-impjiegi), li tista’ tgħin biex torbot is-suq tax-xogħol mal-edukazzjoni u t-taħriġ. L-Aġenzija ssewgi wkoll l-iżviluppi relatati mal-Pjattaforma tal-Europass l-ġdida, li tiġbor flimkien informazzjoni dwar il-ħiliet, il-kwalifiki, it-tagħlim u l-opportunitajiet ta’ impjieg, bl-għan li tappoġġa lill-individwi fil-ġestjoni u fl-ippjanar tat-tagħlim u tal-karriera tagħhom fl-Ewropa kollha. Huwa f’dan il-qafas li s-Cedefop jappoġġa l-ħidma fuq l-aġenda għall-ħiliet għall-Ewropa tal-2020 mill-Kummissjoni Ewropea.